illinois Digital News

IL-FUN RUN DIN IS-SENA SE SSIR FL-20 TA’ NOVEMBRU

0



ONE.COM.MT • Il-President ta’ Malta, George Vella, ħabbar li l-Fun Run ta’ din is-sena se ssir nhar il-Ħadd, 20 ta’ Novembru.

Issa li ħriġna mill-pandemija, l-attività se ssir bil-format tradizzjonali tagħha filwaqt li r-reġistrazzjonijiet se jibdew jintlaqgħu minn għada.
Il-President ta’ Malta, George Vella, nieda l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘The President’s Solidarity Fun Run’, li se ssir nhar il-Ħadd, 20 ta’ Novembru.

Il-President Vella qal li jinsab ħerqan ħafna li jerġa’ jiltaqa’ man-nies f’avveniment li fih il-Maltin u l-Għawdxin għandhom okkażjoni biex juru dak li jgħaqqadna bħala poplu.
GEORGE VELLA
IL-PRESIDENT TA’ MALTA
“L-appell tiegħi huwa wieħed: li hija okkażjoni fejn il-poplu Malti juri l-għaqda bejnietu u anki, fl-istess ħin, is-solidarjetà. Għaliex b’hekk, apparti li tkun qed tieħu din id-dimostrazzjoni ta’ sħubija flimkien, ikun anki qiegħed jikkontribwixxi għal fondi li l-Community Chest Fund ikollha bżonn.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-iSportMalta u Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv, Mark Cutajar, qal li l-attività din is-sena se tirritorna għall-format tradizzjonali tagħha. Il-parteċipanti se jitilqu minn erba’ postijiet differenti u jimxu jew jiġru fid-direzzjoni tal-Palazz, fil-Belt Valletta.

Il-mixja se titlaq mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, minn ħdejn il-Kappella tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, u minn Santa Venera fid-9.30am, filwaqt li l-ġirja titlaq fl-istess ħin mis-Saqqajja, ir-Rabat.
MARK CUTAJAR
IĊ-CHAIRPERSON TAL-KUMITAT ORGANIZZATIV
“Biex tirreġistra trid tmur fl-uffiċini kollha tal-kunsilli lokali tiegħek, fejn hemmhekk tkun tista’ tieħu t-t-shirt u tħallas id-donazzjoni, fil-faċilitajiet kollha ta’ SportMalta, Kitchen Garden, mill-Palazz tal-President, u mill-Malta Community Chest Fund Foundation.”

L-applikazzjonijiet, bi ħlas ta’ €10, se jintlaqgħu wkoll waqt l-attività “Festa Palazz”, li se ssir fil-Palazz tal-Verdala dan il-weekend.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal li l-Kunsilli Lokali se jerġgħu jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom, fosthom billi minn nhar is-Sibt, il-Kunsilli jibdew jirreġistraw lill-pubbliku għall-Fun Run.
MARIO FAVA
IL-PRESIDENT TAL-AKL
“Il-kunsilli lokali se jkunu qegħdin fil-pjazez tagħhom biex jiltaqgħu mar-residenti biex jitolbu d-donazzjonijiet mingħand ir-residenti tagħhom u ovvjament jiskambjaw il-flokkijiet. Jien nħeġġeġ, minn hawnhekk, lir-residenti ta’ kull lokalità, inħeġġeġ lis-sindki ta’ kull lokalità, biex bħas-sena l-oħra jagħtu s-sehem tagħhom biex din tkun attività suċċess.”

Kevin Chircop, li huwa ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemed – l-isponser ewlieni ta’ din l-attività – qal li hu parti mid-dover tal-kumpanija li tagħti daqqa t’id lil min hu fil-bżonn u lil kull min jiġi bżonn il-Malta Community Chest Fund. Huwa ħeġġeġ lill-kumpaniji biex ma jistennewx lil min iħabbtilhom il-bieb biex jgħinu.

Preżenti għall-varar tal-Fun Run kien hemm il-Ministru responsabbli mill-isport, Clifton Grima, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, Graham Bencini.

source

Leave A Reply

Your email address will not be published.